29/01/2022
Stqarrija konġunta tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, u l-Għaqda tal-Pawlini, Valletta
Wara li l-bieraħ fl-aħbarjiet ġie mħabbar li saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Ċivili, Ekkleżjastiċi u l-Għaqda Każini tal-Baned, fid-dawl tal-istqarrija tal-aħħar, il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini, Valletta, jinnutaw:
1. Li Minkejja t-talba tal-Arċipriet li jkun preżenti fil-laqgħa din ma ġietx milqugħa
2. Li l-Awtoritajiet kemm Ċivili u kemm Ekkleżjastiċi ma ħarġu ebda stqarrija uffiċċjali dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa.
3. Minn dak li ġie rrappurt jidher li ċ-ċirkustanzi attwali tal-festa ta’ San Pawl ma kienux ikkunsidrati, minkejja li ingħatat kopja tal-protokolli ta’ ħarsien tas-saħħa li qed jiġu proposti.
Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini, jiċċaraw li il-programm propost li jsir għal din is-sena, huwa ferm ridott minn dak ta’ snin oħrajn, u speċjalment minn festi tas-sajf, hekk kif mhux qed jiġu mitluba permessi għal marċi, iżda biss għal purċissjoni reliġjuza f’forma mqassra.
Fid-Dawl ta’ dan qed issir talba biex issir laqgħa mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jiġu ċċarati l-proposti tal-programm tal-festa ta’ San Pawl, u li tkun milqugħa it-talba għal purċissjoni b’mod ridott u bi protokolli ta’ ħarsien tas-saħħa.
TMIEM